Search

L-Użu Rikreazzjonali tal-Kannabis: Referendum Nazzjonali

Updated: Feb 17



Fl-14 ta’ Diċembru 2021 Malta saret l-ewwel pajjiż tal-UE li ddekriminalizza uffiċjalment il-kultivazzjoni u l-użu personali tal-kannabis għal skopijiet ta’ rikreazzjoni. Il-leġiżlazzjoni emendata tgħid li l-adulti jitħallew iġorru sa seba’ grammi ta’ kannabis u li jkabbru sa erba’ pjanti fid-dar. Dawn l-emendi daħlu fis-seħħ wara li l-maġġoranza tal-Membri Parlamentari ivvutaw favur, liema dritt tal-vot ġie mċaħħad liċ-ċittadini Maltin, li ħafna minnhom huma kontra din il-liġi ġdida.



ABBA saħaq li tkun pajjiż demokratiku jfisser li l-poter jinsab f’idejn in-nies. Għalhekk, dan jirrikjedi li liġijiet sinifikanti bħal dawn li jistgħu jkunu ta’ theddida serja għas-soċjetà Maltija, ma jistgħux jiġu promulgati mingħajr referendum, li huwa dritt demokratiku taċ-ċittadini kollha u li jippermettilhom jipparteċipaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.



Sabiex dan id-dritt demokratiku jkun eżerċitat u biex ikun żgurat li din il-liġi titħassar u ma tiġix imposta fuq iċ-ċittadini, il-partit ABBA ħa l-inizjattiva u beda jiġbor il-firem miċ-ċittadini Maltin. Din l-inizjattiva mhux biss ittieħdet minħabba n-natura dannuża tal-liġi nnifisha iżda wkoll wara li raw ħafna nies imħassba dwar il-konsegwenzi li din it-tip ta’ dekriminalizzazzjoni tista’ twassal għalihom. Fil-fatt, il-liġi issa legalizzat u ħeġġet prattiċi, li l-konsegwenzi dannużi tagħhom qatt ma ġew spjegati lill-poplu – ċertament għax kien ikun hemm reżistenza qawwija kieku l-verità ġiet żvelata lill-pubbliku. Il-partit ABBA jemmen li din il-liġi kienet biss vantaġġ politiku ieħor u b’konsewgenza ta’ dan issa huwa legali li n-nies ipejpu l-kannabis, isofru l-konsegwenzi filwaqt li jagħmlu ħsara lil ħaddieħor mingħajr il-kunsens tagħhom.



Filwaqt li l-liġi kienet inizjalment proposta bl-'intenzjoni tajba' li tirregola s-settur biex in-nies ma jkollhomx għalfejn jirrikorru għas-suq iswed, il-liġi issa tinkorpora aspetti negattivi li ABBA jemmen li qatt ma kellhom jintużaw biex jintlaħaq l-għan oriġinali għaliex il-liġi kienet oriġinarjament promulgata. Bħala partit politiku Nisrani, ABBA isostni li din il-liġi tmur kontra t-twemmin Nisrani – Ġesù Kristu żgur kien jiġġieled kontra l-promulgazzjoni ta’ liġi bħal din li ddaħħal prattiċi ta’ ħsara u tinkoraġġixxi l-użu ta’ sustanza dannuża.



ABBA isostni wkoll li huwa ironiku kif New Zealand qed taħdem biex tipprojbixxi s-sigaretti filwaqt li Malta qed tiftaħ il-bibien tagħha għall-kannabis! Għal din ir-raġuni, ABBA jistieden liċ-ċittadini kollha li għandhom għal qalbhom is-soċjetà Maltija, biex jingħaqdu f’din il-battalja kontra d-dekriminalizzazzjoni tal-kultivazzjoni u l-użu rikreattiv tal-kannabis sabiex tiġi salvagwardjata s-saħħa tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri. Ir-referendum issa huwa l-unika arma demokratika li għandna biex niġġieldu dan b’mod li jiżgura li r-rieda tan-nies, u mhux ta’ minoranza politika fil-poter, tkun rispettata!




22 views0 comments